SportMalta: L-Avukat Chris Bonett jinħatar Aġent Kap Eżekuttiv

L-Avukat Chris Bonett inħatar Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta.

Fi stqarrija uffiċjali mibgħuta ftit tal-ħin ilu, SportMalta qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet fil-qafas ta’ strateġija ppjanata ta’ tranżizzjoni u ristrutturar tal-entità.

Bħala l-Aġent Kap Eżekuttiv il-ġdid, Dr Bonett għandu r-responsabbiltà li jmexxi d-direzzjoni ġenerali ta’ SportMalta.

Bonett hu avukat bi professjoni fejn iggradwa mill-Università ta’ Malta fl-2007. Hu segwa l-istudji tiegħu fl-Università ta’ De Montfort, Leicester fl-2013 fejn ispeċjalizza fil-Liġi tal-Isport.

Dr Bonett għandu esperjenza fl-isport fil-livelli kollha. Huwa oriġinarjament plejer tal-handball u kien wieħed mill-fundaturi tal-La Salle Handball Club fl-1998. Kien ukoll fit-Tim Nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena fis-snin 1997 u 98 u fit-Tim Nazzjonali tal-Kbar mill-2000 sal-2002. Dr Bonett kien ukoll jipprattika il-volleyball u l-futbol fil-livelli bażiċi.

Fl-2010, huwa daħal fl-amministrazzjoni tal-isports bħala Kap Legali tal-Malta Football Association u ġie elett darbtejn bħala viċi president tal-MFA fl-2013 u l-2016. Hu kien ġab aktar minn 90% tal-voti tal-kamra tal-kunsill tal-MFA.

Waqt li kien mal-MFA serva għal sentejn fil-Kumitat tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA, u kien parti mill-bord ta’ dixxiplina ta’ EURO 2016. L-involviment tiegħu mal-UEFA wassal għar-riżenja tiegħu mill-MFA f’Diċembru 2016 biex jieħu impjieg full-time bħala Integrity Officer tal-UEFA fil-Kwartieri tal-UEFA f’Nyon, l-Isvizzera.

F’Awwissu tal-2017, huwa rritorna Malta u beda jservi bħala Konsulent Ewlieni tas-Segretarju Parlamentari ġdid inkarigat mill-Isport, l-Onor. Dr Clifton Grima.

Dr Bonett huwa l-awtur tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi u mexxa r-riforma tal-MFA dwar l-istatus u t-trasferiment tal-plejers u l-introduzzjoni tar-regolamenti finanzjarji lokali tal-fair play.

Link: https://www.tvm.com.mt/mt/sports/sportmalta-l-avukat-chris-bonett-jinhatar-agent-kap-ezekuttiv/