TVM Sports – Malta Open – Press Release

Darts: Mark Layton ta’ Wales jirbaħ il-Malta International Open 2017

Mark Layton, il-plejer professjonali tad-darts minn Wales, rebaħ il-kategorija tas-singles tal-edizzjoni tal-Malta International Darts Open 2017. Il-kategorija tas-‘singles’ hi l-aktar waħda ta’ prestiġġju mill-erba’ kategoriji tad-darts.

Layton għamel dan meta fil-finali għeleb lil Joe Davis tal-Ingilterra bil-punteġġ ta’ 6-2.

Immedjatament wara l-finali, TVM2 ħa r-reazzjoni ta’ Layton li deher emozzjonat li rnexxielhu jirbaħ dan l-unur prestiġġjuż fil-kalendarju Ewropej tad-darts.

“Ninsab kuntent u emozzjonat ħafna. Ilhi niġi f’Malta sena wara sena nipprova nirbaħ dan l-unur u fl-aħħar irnexxielhi wkoll. Nista’ ngħid li fil-karriera rbaħt f’Malta wkoll. Se nkun qed inħares ‘il quddiem għal aktar unuri u m’hemmx dubju li s-sena d-dieħla se nerġa’ niġi f’Malta għal dan it-tournament,” qal Layton.

‘The Grinder’, hekk kif inhu mlaqqam, fil-preżent, hu l-plejer numru 69 fir-rankings mondjali tad-darts. Fil-karriera tiegħu wasal mal-aħħar 32 fil-World Masters 2013, mal-aħħar 64 fil-UK Open 2012 u mal-aħħar 128 fil-WDF World Cup Singles fl-2015.

Hu rebaħ iċ-Cheshire Open fl-2015 u l-Gwynedd Open fl-2016.

Minbarra t-trofew sabiħ, Layton rebaħ ukoll premju ta’ €3,500 fi flus.

Deta Hedman tirbaħ il-Ladies Singles…tegħleb 4-2 fil-finali lil Aileen de Graaf

Fil-finali tal-Ladies singles, Deta Hedman, il-plejer numru 1 fir-rankings mondjali tad-darts femminili għelbet fil-finali lill-Olandiża Aileen de Graaf, il-plejer numru 3 fir-rankings mondjali, bil-punteġġ ta’ 4-2.

Din kienet finali spettaklu anki għax f’pajjiżna konna qed naraw żewġ plejers ta’ klassi mondjali li f’6 legs kellhom average ta’ 18-il dart kull logħba jew saħansitra inqas.

Iż-żewġ plejers kienu tkellmu ma’ TVM Sport fil-jiem li għaddew u qalu li kienu ġew f’Malta biex jirbħu din l-edizzjoni.

Hedman faħħret ħafna lil Malta u lill-poplu Malti u reġgħet għamlet dan ilbieraħ wara r-rebħa fil-finali.

“Kuntenta ħafna li rnexxielhi. Xorta nemmen li mhux qiegħda fl-aqwa kundizzjoni tiegħi iżda r-rebħa tal-lum timlini bil-kuraġġ għat-tournament li ġejjin,” qalet Hedman.

Staqsejna lil Hedman hux se nkunu qed narawha s-sena d-dieħla f’Malta.

“Se nerġa’ niġi żgur għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda għax kull fejn nirbaħ titlu dejjem immur niddefendih is-sena ta’ wara. U aktar minn hekk għax Malta pajjiż mill-isbaħ b’poplu mill-aqwa. Ilqajtuni tajjeb ħafna u affarijiet bħal dawn inħobb napprezzahom. Narakom is-sena d-dieħla żgur,” qalet Hedman.

Fuq il-finali kontra de Graaf, Hedman qalet li lagħbet kontra plejer tajba daqsha u kultant aħjar minnha li bejniethom lagħbu diversi finali fil-passat.

“Lgħabt kontra Aileen ħafna finali ta’ tournaments differenti madwar l-Ewropa u d-dinja. Xi kultant nirbaħ jien u xi kultant tirbaħ hi. Id-darts hekk meta jkollok żewġ plejers tal-istess livell. Aileen plejer kbira tad-darts u tista’ tirbaħ lil kulħadd f’kull ħin. Irrid nawgurala għat-tournaments li jmissna nilagħbu,” qalet Hedman.

Kategoriji tad-doubles

Fil-kategoriji tad-doubles tal-iġiel kellna r-rebħa ta’ Andy Chalmers u Paul Williams fuq Paul Wenn u Steve Carrett bi skor ċar ta’ 4-0. Din kienet finali kollha Ingliża.

Fil-kategorija tad-doubles tan-nisa, Lisa Ashton, Champion tad-Dinja preżenti u binta Danielle, għelbu lil Laura Patton u Tracy Curry bil-punteġġ finali ta’ 3-1.

Xandira televiżiva

TVM2 se jkun qed iwassal programm speċjali fil-jiem li ġejjin dwar il-Malta International Darts Open 2017.