TVM Sports interview with Deta & Aileen

“Ġejt hawn biex nirbaħ f’pajjiż bellezza b’poplu mill-aqwa” – Deta Hedman, in-numru 1 fir-rankings mondjali

Deta Hedman, hi l-plejer numru wieħed tad-dinja tad-darts femminnili. Fil-preżent tinsab f’Malta u qed tikkompeti fil-Malta International Darts Open 2017.

Hedman rebħet kull unur possibbli fid-darts mondjali u ġiet hawn Malta biex tipprova tirbaħ ukoll.

TVM Sport tkellem mal-Ingliża minn Essex li llum għandha 58 sena.

“Aħna kollha niġu hawn biex nirbħu. Bħalissa għaddejja minn forma medja u minix fl-aqwa tiegħi. Iżda kunfidenti fija nnifsi. Konvinta li nista’ nagħmel xi ħaġa tajba.”

Staqsejniha fuq il-fatt li hi n-numru wieħed fir-rankings mondjali tad-darts femminili, Deta Hedman qalet li fuq dan kollu ma taħseb qatt.

“Minix waħda li ħa noqgħod naħseb il-ħin kollu li bħalissa qiegħda fl-ewwel post. Jien persuna li noħroġ għal-logħba, nagħti l-aħjar tiegħi u nipprova nirbaħ dejjem. Ovvjament dan ma jistax iseħħ dejjem. Id-darts kultant logħba stramba ħafna,” qalet Hedman.

Staqsejniha fuq it-tip ta’ taħriġ tagħha u kif issib ħin għal dan kollu, Hedman qalet li hi m’hijiex plejer professjonali għal kollox. Tmur għax-xogħol kuljum iżda waqt il-ħin tal-brejk issib ħin titħarreġ xi ftit ukoll.

“Jien naħdem mal-posta. Allura jkolli ċans nitħarreġ id-dar u anki fuq ix-xogħol. Biex iżżomm il-livell fil-logħba trid ħin twil ta’ taħriġ u jien kull ċans li nsib nipprova napprofitta ruħi minnu,” qalet Hedman.

Staqsejniha fuq Malta u l-Malta International Open 2017, il-plejer numru wieħed tad-dinja qalet li din kienet l-ewwel darba f’Malta għaliha u kellha kliem ta’ tifħir lejn pajjiżna.

“Minkejja li l-ewwel darba f’Malta, smajt affarijiet sbieħ ħafna fuq din il-gżira bellezza. Il-poplu Malti mill-aqwa għax jilqgħek mill-ewwel u anki jekk mhux l-isbaħ temp li stajna nsibu, naf ukoll li fis-sajf għandkom baħar sabiħ ħafna. Irrid nerġa’ niġi żgur,” qalet Hedman.

“Atmosfera mill-isbaħ. Nispera li nilgħab darts ta’ livell għoli” – Aileen de Graf, in-numru 3 fir-rankings mondjali

TVM Sport tkellem ukoll ma’ Aileen de Graaf, l-Olandiża numru 3 fir-rankings mondjali tad-darts femminili.

De Graaf għandha 27 sena u twieldet u tgħix f’Bunschoten, l-Olanda.

De Graaf dehret kunfidenti mill-forma li għaddejja minnha bħalissa u faħret l-atmosfera li kienet għaddejja fil-mument fil-Kumpless Sportiv fil-Kottonera.

“Għalija l-ewwel darba f’Malta u jidher mill-ewwel li hawn atmosfera sabiħa b’ħafna plejers akkaniti. Nispera biss li nilgħab darts ta’ livell sal-aħħar,” qalet de Graaf.

Staqsejna lil de Graaf tkellimna ftit fuq l-esperjenzi tagħha fil-logħba.

“Kull logħba darts differenti. Qatt ma tista’ tgħid li int ċerta jew li se tirbaħ żgur. L-importanti li titħarreġ kemm tista’ u tagħti l-mija fil-mija tiegħek,” qalet de Graaf.

Staqsejna lil de Graaf jekk temminx li tista’ tasal sal-aħħar u tilgħab il-finali tal-Ħamis u eventwalment tirbaħa.

“Jien irrid nirbaħ dejjem u ġejt hawn biex nipprova nagħmel dan. Jekk ma nilgħabx biex nirbaħ nista’ nibqa’ d-dar,” qalet de Graaf.

Link: https://www.tvm.com.mt/mt/sports/gejt-hawn-biex-nirbah-fpajjiz-bellezza-bpoplu-mill-aqwa-deta-hedman-numru-1-fir-rankings-mondjali/

Article from Mark Attard