Press Conference: Malta Open 2017 (Maltese version)

It-30 edizzjoni tal-Malta International Darts Open issir mill-14 sas-16 ta’ Novembru

Imtella’ 

Rapport: Mark Attard

Il-Malta International Darts Open se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, f’Bormla, bejn l-14 u s-16 ta’ Novembru li ġej.

Din se tkun it-30 edizzjoni tal-Malta Open tad-darts u li fiha se jikkompetu plejers li ġejjin minn 28 pajjiż differenti. B’kollox se jkun hawn f’pajjiżna aktar minn 292 plejer raġel u 80 mara, plejers tad-darts, fejn uħud minnhom huma anki huma Champions Ewropej u plejers professjonali u semi-professjonali.

Dr Clifton Grima, Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, qal li jħossu kburi li l-Assoċjazzjoni Maltija tad-darts kibret daqstant u dan sar minħabba d-dedikazzjoni tal-uffiċjali tagħha li b’mod volontarju rnexxielhom jagħtu ħin u impenn sħiħ fil-logħba.

“Dan hu t-tip ta’ investiment li nixtiequ nibqgħu nagħmlu permezz ta’ SportMalta. Illum il-ġurnata qegħdin ngħixu f’dinja sportiva moderna u bħala Gvern irridu nkunu aktar attrajenti biex nagħmlu minn Malta destinazzjoni turistika sportiva aktar b’saħħitha minn qatt qabel,” qal Grima.

Edward Bonnici, President tal-MDA, qal li l-logħob kollu se jkun qed jibda mis-6.00pm ’il quddiem u d-dħul biex wieħed jattendi jara l-logħob se jkun mingħajr ħlas. Bonnici ħeġġeġ lill-pubbliku sportiv Malti, speċjalment dak sportiv, biex jattendi u jagħti appoġġ sħiħ lill-plejers Maltin.

Il-President tal-MDA qal li din is-sena, il-logħob se jintlagħab fuq 40 dart board, id-doppju mill-20 tas-soltu u l-ammont tal-flus f’rebħ ilaħħaq l-€10,700.

Fil-konferenza stampa tal-lum wara nofsinhar, tkellem ukoll Dr Chris Bonett, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta fejn min-naħa tiegħu faħħar dan it-tournament u lill-MDA tax-xogħol siewi li tagħmel biex tasal torganizza avveniment daqshekk kbir.

“Jien inzertajt inħobb id-darts ukoll għax fil-familja għandi min kien involut sew fil-logħba. Hu ta’ unur kbir għalija u għal SportMalta li se nkunu qed nilqgħu dan l-avveniment kbir f’dan il-kumpless. Se jkunu tlett ijiem sbieħ ħafna għal kulħadd,” qal Bonett.

Andre’ Zammit, PRO tal-MDA, qal li fil-preżent, id-darts lokali għaddej minn żmien sabiħ ħafna u li bil-livell li se jkun hawn f’pajjiżna se jkompli jogħla jagħmel atmosfera mill-aqwa. Zammit fakkar li l-erba’ finali se jintwerew kollha b’mod dirett fuq is-sit uffiċjali tad-darts f’pajjiżna u li TVM se jkun qed jagħti xandiriet estensivi ta’ din l-edizzjoni.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll David Agius, Kelliem Ewlieni għall-Oppożizzjoni, fejn min-naħa tiegħu faħħar lill-Malta Darts Association u l-uffiċjali tagħha u anki SportMalta u fi kliemu stess qal li “dawn huma flus minfuqin tajjeb ħafna”. Agius qal ukoll li l-isport tad-darts f’pajjiżna ħaqqu jkollu livell ogħli bħalma għandhom diversi dixxipplini oħra.

Fl-aħħar tal-konferenza, Dr Clifton Grima u Dr Chris Bonett preżentaw ċekk lill-Malta Darts Association, bħala parti mill-għajnuna għal dan l-avveniment.

TVM Sport jinsab infurmat li ċ-ċekk kellu ammont ta’ kważi €20,000 u li SportMalta se tkun qed tieħu ħsieb ukoll il-loġistika tat-tournament.

Link: https://www.tvm.com.mt/mt/sports/30-edizzjoni-tal-malta-international-darts-open-issir-mill-14-sas-16-ta-novembru/